Attivitajiet
Attivitajiet regolari : Kull ġimgħa jiġu organizzati madwar tliet attivitajiet differenti. Nhar ta' Erbgħa u nhar ta' Ġimgħa, dawn isiru fil-premises tal-YTC il-Belt, fis-7.30pm. Nhar ta' Ħadd il-ħin ivarja skond l-attività. Dettalji dwar l-attivitajiet kollha jitħabbru fil-programm li jitqassam kull xahar. L-attivitajiet ta' nhar t'Erbgħa jinkludu taħdidiet, fejn jiġu mistiedna kelliema li jispjegaw is- suġġett tagħhom, diskussjonijiet bejn il-membri stess, kif ukoll videos u attivitajiet oħra. Is- suġġetti huma varjati ħafna, peress li l-YTC m'għandiex suġġett partikolari ta' nteress. Fost is- suġġetti li kellna riċentement, insibu arkeoloġija, mużika, arti, ġurnaliżmu, Nhar ta' ġimgħa, l-attivitajiet jinkludu quddiesa li ssir fl-ewwel ġimgħa ta' kull xahar, u diversi attivitajiet ta' divertiment, inkluż discos, logħob, kompetizzjonijiet eċċ. L-attività ġeneralment ssir barra, u tinkludi mixjiet, żjarat f'postijiet storiċi, u - fis-sajf - għawm.
Attività popolari li ssir regolarment huma l-weekends li jsiru il-Buskett, Għawdex, jew postijiet oħra madwar il-gżejjer. F'dawn l-attivitajiet il-membri iqattgħu jumejn jew tlieta flimkien fil-post magħżul, fejn ikun hemm diversi attivitajiet organizzati li jittrattaw dwar is- suġġett magħżul. Fost it-temi li ġieli kellna insibu drama, natura, mużika u astronomija. Il-weekends huma popolari kemm għax jagħtu opportunità lill-membri li jaqtgħu daqsxejn mir-rutina tas- soltu, kif ukoll għax joffru opportunita' lill-membri li jsiru jafu lill xulxin iżjed, u jagħmlu ħbieb ġodda.
Attivitajiet annwali : L-iżjed attività magħrufa li tiġi organizzata mill-YTC hija l-festival ta' kanzunetti Maltin, L-Għanja tal-Poplu. Dan il-festival ilu jiġi organizzat mill-1974, u llum sar wieħed mill-iżjed avvenimenti importanti fix-xena tal-mużika f'pajjiżna. Serje ta' attivitajiet b'tema reliġjuża jiġu organizzati kull Milied u Għid. Fil-Milied, jiġi organizzat kor minn fost il-membri stess, li jkanta f'diversi sptarijiet u djar ma' Malta. F'lejliet il-Milied tiġi organizzata l-quddiesa ta' nofs il-lejl. Apparti dawn ikun hemm diversi ikliet u attivitajiet ta' divertiment. Fi żmien l-Għid ikun hemm funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, ikla tal-Għid, kif ukoll diversi attivitajiet oħra.